L-mpox



Il-mpox (qabel magħrufa bħala monkeypox) hi infezzjoni kkawżata mill-monkeypox virus (MPXV).

Is-sintomi jistgħu jinkludu deni, uġigħ ta’ ras u fil-muskoli, għeja, glandoli minfuħin, u ponot fil-ġilda. Dawn jistgħu jkunu ftit biss u kultant jidhru fil-partijiet ġenitali, madwar l-anus jew fil-ħalq. Xi nies jista’ jkollhom il-ponot mingħajr deni jew sintomi oħra. Ġeneralment il-marda tgħaddi waħedha fi żmien ġimagħtejn sa erba’ ġimgħat.

Il-mpox ilha preżenti f’partijiet tal-Afrika Ċentrali u tal-Punent, iżda mill-2022 ’l hawn kien hemm trasmissjoni tal-virus f’ħafna pajjiżi oħra. F’dawn l-aħħar ġimgħat ġew irrappurtati diversi każijiet f’Malta, fosthom l-ewwel każijiet tal-varjant clade Ib. Dan il-varjant instab ukoll f’diversi pajjiżi Ewropej.

Il-virus jinxtered l-aktar permezz ta’ kuntatt fiżiku mill-qrib ma’ persuna infettata, speċjalment kuntatt dirett mal-ponot jew il-feriti tagħha. Dan jinkludi kuntatt waqt attività sesswali. Jista’ jinxtered ukoll permezz ta’ oġġetti kkontaminati, bħal lożor, ħwejjeġ jew xugamani.

Fl-Ewropa, ħafna mill-każijiet f’dawn l-aħħar snin seħħew fost irġiel li jagħmlu sess ma’ rġiel oħra. Madankollu, kulħadd jista’ jieħu l-mpox jekk ikollu kuntatt mill-qrib ma’ persuna infettata.

Ir-riskju jiżdied jekk ikollok kuntatt fiżiku jew sesswali mill-qrib ma’ persuna bil-mpox, jew jekk tivvjaġġa f’żona fejn ikun hemm trasmissjoni tal-virus.

Hemm tilqima kontra l-mpox li tista’ tingħata lil persuni b’riskju akbar, u lil ċerti persuni li kellhom kuntatt ma’ xi ħadd marid bl-mpox. Idealment tingħata fi żmien erbat ijiem, għalkemm f’ċerti każijiet tista’ tingħata sa 14-il jum wara, sakemm ma jkunux bdew is-sintomi. Mhix tilqima li tingħata bħala rutina lill-pubbliku kollu.

Biex tnaqqas ir-riskju, evita kuntatt fiżiku jew sesswali mill-qrib ma’ persuna li jista’ jkollha l-mpox, u evita li taqsam magħha ħwejjeġ, xugamani jew lożor. Ipprattika sess aktar sigur.

Ikkonsulta mat-tabib jekk tiżviluppa ponot fil-ġilda li ma tafx x’inhuma, speċjalment jekk ikollok ukoll deni jew glandoli minfuħin, jew jekk kellek kuntatt mill-qrib ma’ persuna bil-mpox, sew jekk għandek id-deni u anke jekk m'għandekx.