Nista’ nibgħat it-tifel l-iskola jew inżommu d-dar?

Kultant ikun diffiċli għall-ġenituri biex jiddeċiedu jekk jibaghtux lit-tifel/tifla tagħhom l-iskola jew iżommuhx id-dar. Fuq banda, ma jkunux jixtiequ jtellfuh mit-tagħlim; fuq il-banda l-oħra, jekk jibagħtuh, il-kundizzjoni tiegħu tista’ tmur għall-agħar, u jxerred il-mard lil sħabu u l-għalliema.

Din il-gwida hi maħsuba biex tgħinek tieħu l-aħjar deċiżjoni.

META GĦANDU JIBQA' D-DAR

It-tifel għandu joqgħod id-dar f’dawn iċ-ċirkostanzi:

  • Ma Jiflaħx – Jekk it-tifel jidher għajjien, imqanżaħ, jew imħeddel, żommu d-dar sakemm jirkupra saħħtu.
  • Deni (temperatura aktar minn 37.5°C) – Jista’ jirritorna l-iskola meta jgħaddu 24 siegħa mingħajr deni. (Hemm xi infezzjonijiet li jkun meħtieġ perjodu itwal; it-tabib tat-tfal jiggwidak).
  • Rimettar jew Dijarea – Jista’ jmur l-iskola wara 48 siegħa mingħajr dawn is-sintomi. (Jekk it-test tal-kokò juri bacteria, il-pedjatra jigwidak meta tibgħatu lura l-iskola).
  • Sogħla Qawwija, Nifs Mgħaġġel jew Batut  – L-aħjar joqgħod id-dar jistrieħ sekemm is-sogħla tbatti u n-nifs jiġi għan-normal. It-tabib jiggwidak kemm trid izzommu d-dar.
  • Raxx fil-Ġilda – Jekk it-tifel joħroġlu raxx, speċjalment jekk ikun bid-deni, ħudu għand it-tabib biex jagħmel dijanjosi (eż. ġidri r-riħ, roseola, skarlatina, ħozba, HFMD, eċċ), u jagħtik parir kemm iżżommu d-dar.
  • Infezzjonijiet kontaġjużi:
    • Conjunctivitis (infezzjoni fl-għajn) – jekk tkun bacterial, jista’ jirritorna l-iskola 24 siegħa wara li jinbeda l-antibiotiku; jekk tkun viral, meta s-sintomi jonqsu u t-tifel iħossu tajjeb. Il-ħasil frekwenti tal-idejn huwa importanti biex ma tinxteridx.
    • Tonsillite, Skarlatina u Strep Throat (infezzjoni mill-mikrobu Streptococcus fil-griżmejn) – jirritorna l-iskola 24 siegħa wara li jinbeda l-antibiotiku, jgħaddu 24 siegħa bla deni, u jħossu tajjeb.
    • Impetigo (infezzjoni fil-ġilda) – lura l-iskola 48 siegħa wara li jinbeda l-antibiotiku, u l-ġerħa tinxef jew titgħatta.
    • Ġidri r-Riħ – jibqa’ d-dar sakemm il-ponot kollha jinxfu, is-soltu madwar sebat ijiem minn meta jitfaċċaw.
    • Hand Foot and Mouth (HFMD) – jirritorna l-iskola meta l-ponot jinxfu u jkun iħossu tajjeb, ġeneralment ftit ġranet minn meta joħorġu l-ewwel ponot.

META JKUN JISTA' JMUR L-ISKOLA

It-tifel jista’ jattendi l-iskola jekk ma jkollux deni, jidher fuq tiegħu, u għandu enerġija biex jipparteċipa fl-attivitajiet tal-iskola, anke jekk ikollu xi sintomi ħfief bħal:

  • Riħ Ħafif – sogħla ħafifa u l-imnieħer inixxi xi ftit, anke jekk l-imħat ikun safrani/ħadrani.
  • Allerġiji Ordinarji – bħal hay fever, flissjoni ċara u għatis, fit-tfal li jbatu bl-allerġija.
  • Cold Sore (ponta tad-deni, fix-xoffa) – kellem l-ispiżjara għall-kura.
  • Threadworms – kellem l-ispiżjara għall-kura.
  • Head Lice u Nits – wara li tagħmel it-trattament tax-xagħar. L-ispiżjara tiggwidak.
  • Slapped Cheek Syndrome – meta joħroġ ir-raxx ma jibqax aktar infettiv; it-tabib tat-tfal jgħidlek jekk ghandux din l-infezzjoni jew le.

PARIRI OĦRA

  • Għallem lit-tfal jaħslu jdejhom sewwa meta jmorru t-toilet u qabel l-ikel. Għallimhom ukoll jisogħlu jew jgħatsu fil-minkeb. Jekk jużaw tissues, jiddisponu minnhom fil-barmil.
  • Dieta bilanċjata u l-irqad tajjeb jgħinu biex it-tfal jibqgħu b'saħħithom.
  • Ara li t-tifel tiegħek ħa t-tilqim kollu għax dan jipproteġih kontra mard serju bħall-meninġite u septicaemia.
  • Meta tieħu t-tifel għall-viżta tat-tabib, iddiskuti miegħu dwar kemm iżżommu d-dar.
  • Xi skejjel jitolbu ċertifikat tat-tabib biex idaħħlu t-tfal lura l-iskola.
  • Meta t-tfal żgħar jibdew in-nursery, huwa normali u naturali li jkunu morda ta’ spiss. L-immunità jibnuha bil-mod il-mod, maż-żmien.
  • Jekk is-sintomi jippersistu, imorru għall-agħar, jew m'intix ċert dwar il-kundizzjoni tiegħu, ikkuntattja lit-tabib tat-tfal tiegħek.
Acknowledgement

Sincere gratitude to Prof. David Pace, Consultant Infectious Disease Paediatrician, Mater Dei Hospital, for his review of this article.

AKTAR TAGĦRIF

Is my child too ill for school? NHS UK