Il-ħalib matul il-lejl għat-tarbija
Fl-ewwel xhur tal-ħajja, it-tarbija tqum kemm-il darba matul il-lejl biex tixrob. Dan huwa importanti biex tieħu biżżejjed ħalib ħalli tikber u tiżviluppa sew. Madwar sitt xhur, it-tarbija tkun tixrob u tiekol biżżejjed matul il-jum, u għalhekk ma jkunx hemm bżonn aktar li tisqiha bil-lejl.
- 0–3 xhur: It-tarbija tqum tixrob kull 2–4 sigħat matul il-lejl.
- 3–6 xhur: Xi trabi jibdew jorqdu għal perjodi itwal, għalkemm oħrajn jibqgħu iqumu ta’ spiss.
- 6–9 xhur: Ħafna trabi jorqdu l-lejl kollu, u jekk iqumu, jerġgħu jorqdu mingħajr ma jixorbu.
- Wara 9 xhur: It-trabi li jibqgħu jixorbu matul il-lejl jagħmlu hekk bi drawwa u għall-konfort biex jitħeddlu u jorqdu—mhux għax għandhom bżonn in-nutriment.
- Kun żgur li tagħtiha biżżejjed ħalib u ikel matul il-jum, speċjalment filgħaxija.
- Naqqas bil-mod il-kwantità ta’ ħalib offrut bil-lejl.
- Meta tistembaħ, agħtiha ċans terġa’ torqod weħidha, tista' tmissha u tkellimha b’leħen kalm. Terfagħhiex mis-sodda.
- Matul il-lejl żomm il-kwiet, tixgħelx dwal u kellimha mill-anqas, sabiex titgħallem li l-lejl qiegħed għall-irqad.
- Għat-tarbija: Tgħin lit-tarbija titgħallem terġa’ torqod weħidha kull x’ħin tqum mal-lejl.
- Għall-ġenituri: Biex jorqdu u jistrieħu!
- Għas-snien: Meta joħorġu s-snien, jekk tibqa' tisqiha matul il-lejl, dan iwassal għat-taħsir tas-snien.