Sextortion


Evan Boettler, ġuvni ta’ sittax-il sena, safa vittma ta’ sextortion. Darba minnhom irċieva dan il-messaġġ tal-biża’: “I have your nudes and everything needed to ruin your life.” Traġikament, f’anqas minn sagħtejn, Evan ikkommetta suwiċidju.

Xi tfisser sextortion?

Sextortion huwa rikatt online: xi ħadd juża stampi intimi tiegħek — reali jew fake —u jheddek li se jxerridhom ma’ ħbiebek u qrabatek, jekk inti ma tibgħatlux il-flus. Ħafna drabi, l-iscammer l-ewwel jistabbilixxi relazzjoni qarrieqa—billi jippretendi li għandu interess romantiku jew ħbiberija—biex jirbaħ il-fiduċja tiegħek qabel ma jibda jheddek.

Tliet passi biex tipproteġi lilek innifsek:
  1. Qatt u qatt m’għandek tixxerja ritratti intimi — lanqas mal-boyfriend jew girlfriend. Ftakar li hekk kif tibgħat ritratt, inti tlift il-kontroll fuqu, u ma tistax tgħid fejn se jispiċċa.
  2. Kun xettiku dwar kuntatti online. L-iscammers jużaw profili foloz biex iqarrqu bil-vittmi. Julia, il-friend minn Manchester li ltqajt magħha online, fil-fatt jista’ jkun raġel f’Lagos, in-Niġerja. Tkunx mazzun!
  3. Jekk tirċievi xi theddida, tippanikjax. Tħallas xejn! Jekk tibgħat xi flus turi kemm inti dgħajjef. Tħassar xejn. Issejvja l-evidenza (ħu screenshots ta’ kollox); imblokka l-persuna; u kellem lill-ġenituri jew adult li tafdah. Bl-għajnuna tagħhom irrapporta lill-pulizija.
Moħħok hemm biex ma taqax fin-nassa!

Kelma lill-Ġenituri

Jekk inti ġenitur, iddiskuti dan is-suġġet m’uliedek adolexxenti illum. Din il-konversazzjoni hija l-aħjar difiża għalihom biex ma jispiċċawx fil-mira u jsofru konsegwenzi tal-biża’.

Żomm komunikazzjoni miftuħa magħhom sabiex iħossuhom komdi jiġu għandek għall-għajnuna, kemm jekk tkun xi forma ta’ theddida online, jew tkun xi tkun. Għidilhom li jekk isibu ruħhom f’xi problema jew periklu, l-interess waħdieni tiegħek huwa li tgħinhom u mhux li ċċanfarhom.