Granuloma fiż-żokra tat-tarbija



Il-kurdun jiskura, jinxef u jaqa’ waħdu fl-ewwel ġimgħa jew tnejn mit-twelid. Meta jiġri dan, tkun tista’ tagħti banju lit-tarbija u taħsilha, inkluż iż-żokra, bl-ilma u s-sapun. Wara xxottaha sewwa u żomm iż-żokra niexfa.

Kellem lill-pedjatra jekk ikun hemm sinjali ta’ infezzjoni (ħmura u nefħa madwar iż-żokra, riħa tinten, tnixxija jew materja).

Il-granuloma

Wara li jaqa’ l-kurdun, ġieli tifforma boċċa ratba, ħamra u niedja, bħalma tidher fl-istampa. Din tissejjaħ granuloma. Il-granuloma tista’ tiġi ttrattata bil-melħ mill-ġenituri fid-dar.

Kif tagħmel it-trattament bil-melħ
  • Waqt li t-tarbija tkun rieqda, ikxef iż-żokra u poġġi ftit melħ tal-mejda mill-fin direttament fuq il-granuloma.
  • Għattiha b’garża nadifa għal 15-il minuta.
  • Wara, laħlaħha sewwa mill-melħ b'tajjara b’ilma fietel.
  • Irrepeti din il-proċedura darbtejn kuljum għal 3–5 ijiem, sakemm tara li l-granuloma ċkienet, skurat u nixfet.
Kellem il-pedjatra jekk tibqa’ ma tfieqx wara ħamest ijiem.