L-irqad tat-tarbija
Tarbija tat-twelid torqod ħafna, normalment madwar 18-il siegħa f’24 siegħa. L-irqad tagħha huwa differenti minn dak ta’ tfal akbar. Minflok torqod għal ħin twil matul il-lejl, torqod għal perjodi iqsar mifruxa mal-ġurnata u l-lejl, u tqum ta’ spiss biex tixrob il-ħalib. Fl-ewwel ġimgħat, l-arloġġ naturali tal-ġisem jkun għadu qed jiżviluppa, u għalhekk it-tarbija ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn il-ġurnata u l-lejl.
It-tarbija tista’ tkun pjuttost attiva waqt li tkun rieqda. Tista’ ċċaqlaq dirgħajha u riġlejha, titbissem, tagħmel xi mossi b’wiċċha, tagħmel xi ħsejjes, u n-nifs ikun irregolari. F’ħinijiet oħra torqod fil-kwiet, kważi mingħajr ma tiċċaqlaq, u n-nifs ikun aktar regolari. Dawn iż-żewġ tipi ta’ rqad huma normali f’tarbija żgħira.
Matul l-ewwel ftit xhur, hekk kif il-moħħ u l-arloġġ naturali tal-ġisem jimmaturaw, l-irqad gradwalment isir aktar organizzat. It-tarbija tibda tagħraf aħjar id-differenza bejn il-ġurnata u l-lejl, u torqod għal perjodi itwal matul il-lejl. Ta’ sitt xhur ħafna trabi jkunu kapaċi jorqdu l-lejl kollu, għalkemm xi tfal jibqgħu jqumu mal-lejl anke wara li jagħlqu sena.
Drawwiet tajba tal-irqad
Dawn il-pariri jgħinu lit-tarbija tiżviluppa drawwiet tajba tal-irqad:
- Ipprovdi ambjent sigur għall-irqad: Għall-ewwel tnax-il xahar, dejjem raqqad lit-tarbija fil-cot tagħha fil-kamra tas-sodda tal-ġenituri (imma mhux fis-sodda magħkom).
- Oqgħod attenta għas-sinjali tan-ngħas: It-tarbija tat-twelid normalment tibqa’ mqajma għal madwar 45–90 minuta qabel terġa’ torqod. Agħti kas is-sinjali bikrin tan-ngħas: it-tarbija tittewweb, titlef l-interess, u jitbaxxu għajnejha. Tistenniex sakemm tibda teqred u tibki, għax dan jagħmilha aktar diffiċli biex tikkalma u torqod. Għalhekk ipprova raqqadha malli tinduna bl-ewwel sinjali tan-ngħas.
- Għinha tagħraf il-jum mil-lejl: Matul il-jum żomm id-dar imdawla, kellimha u ilgħab magħha meta tkun imqajma, u kompli bl-attivitajiet normali tad-dar bil-ħsejjes tas-soltu. Bil-lejl żomm il-kamra mudlama, kellimha ftit u bil-kwiet, u evita logħob jew stimulazzjoni żejda. B’hekk, bil-mod il-mod, it-tarbija tibda tassoċja l-lejl mal-kwiet u l-irqad.
- Oħloq rutina kalma qabel l-irqad: Qatt mhu kmieni wisq biex tibda rutina tal-irqad, anke jekk għall-ewwel din tkun sempliċiment li tbiddlilha l-ħarqa, tkantalha lullaby, u tagħtiha bewsa. Il-banju ta’ filgħaxija wkoll isir parti mir-rutina tal-irqad.
- Għallimha torqod waħedha: Minn madwar xahrejn, ipprova poġġi lit-tarbija fil-cot biex torqod meta tkun imħeddla (imma mhux rieqda fil-fond). B’hekk tagħtiha ċ-ċans tibda titgħallem torqod waħedha. Din il-ħila tgħin lit-tarbija terġa’ torqod kull meta tqum bil-lejl mingħajr l-assistenza tal-ġenituri.
- Kun paċenzjuża u flessibbli: Minn żmien għal żmien, l-irqad jista’ jitgerfex, pereżempju waqt growth spurt, xi riħ jew minħabba s-snien. Ipprova żomm mar-rutina tas-soltu, filwaqt li tagħti lit-tarbija l-attenzjoni li jkollha bżonn f’dawn il-perjodi.