Id-dixxiplina

Id-dixxiplina hija l-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu lil uliedna. X'hemm isbaħ milli ngħallmuhom iġibu ruħhom sew u nrawmu fihom karattru tajjeb? Ma nkunux qed nuruhom imħabba jew rispett jekk inħalluhom għal rashom u nagħtuhom kulma jridu.
Dawn huma prinċipji ewlenin fid-dixxiplina ta’ wliedna u japplikaw minn meta jkunu għadhom żgħar.
Paċenzja
Uliedna jitgħallmu ftit ftit kif iġibu ruħhom sew. Dan jieħu ż-żmien. Għalhekk bil-paċenzja kollha għandna nkomplu ngħallmuhom bla ma naqtgħu qalbna. It-trobbija tat-tfal hi xogħol iebes.
Limiti ċari
Nagħmlu ftit regoli sempliċi li jgħoddu għall-età ta’ wliedna. Meta r-regoli jkunu ċari, it-tfal iħossuhom siguri u jifhmu sew x’nistennew minnhom. Fejn nistgħu, inħalluhom jagħżlu huma stess.
Konsistenza
Niftiehmu bejnietna u mal-adulti l-oħra li jieħdu ħsieb 'l uliedna dwar ir-regoli ewlenin. Meta lkoll inżommu mal-istess regoli, uliedna ma jitfixklux. Għandna ninfurzaw ir-regoli b'konsistenza, altrimenti t-tfal ma jeħduniex bis-serjetà.
Sodi u ġentili
Nistgħu nkunu sodi mingħajr ma nkunu goffi jew ħorox ma’ wliedna. Nevitaw kastigi ħorox, theddid fieragħ, kliem iebes u tgħajjir.
Tifħir u inkoraġġiment
Infaħħru lil uliedna meta jobdu u nuruhom li napprezzaw l-isforz tagħhom, anki meta xi ħaġa ma tirnexxilhomx mill-ewwel. B’hekk inħeġġuhom ikomplu jagħmlu t-tajjeb.
Eżempju tajjeb
Uliedna josservawna u jimitawna. Jitgħallmu minna meta jisimgħu kif nitkellmu bejnietna u meta jarawna nittrattaw lil ħaddieħor b’ġentilezza, nitolbu skuża meta niżbaljaw u nikkontrollaw ir-rabja tagħna f'ċirkostanzi diffiċli.
It-trobbija ta’ wliedna hi l-aktar ħidma importanti ta’ ħajjitna. Ejja nagħtu ruħna għalihom b’impenn u b’imħabba kbira.