Ir-Roseola
Ir-roseola hi infezzjoni ħafifa u komuni li taqbad lit-trabi u tfal żgħar minn sitt xhur sa tlett snin. Hi kkawżata minn virus (human herpes virus). Kultant tissejjaħ ‘roseola infantum’ jew ‘sixth disease’.
Is-Sintomi
L-ewwel sintomi joħorġu minn ħamest ijiem sa ġimgħatejn wara l-kuntatt mal-mikrobu.
Il-marda tibda b’deni li jaf ikun għoli (anke madwar 40ºC). Id-deni jdum minn ftit sigħat sa tlett jew erbgħat ijiem. Jista’ jkun li t-tarbija jkollha aċċessjoni tad-deni.
Meta jinżel id-deni, jitfaċċa raxx mqabbeż ħamrani, l-ewwel fuq il-ġisem u l-għonq, u aktar tard fuq il-wiċċ, id-dirgħajn u r-riġlejn. Ir-raxx idum minn ftit sigħat sa jumejn.
Kultant id-deni jkun l-uniku sintomu, u r-raxx ma joħroġx.
It-tfal jgħaddilhom kompletament, issoltu f’anqas minn ġimgħa.
L-eżami mediku
Id-deni jaf ikun l-uniku sintomu għall-ewwel u t-tabib ma jsib ebda sinjal oħra. Sakemm joħroġ ir-raxx wieħed ma jkunx ċert mid-dijanjosi. Jista’ jkun hemm bżonn xi testijiet speċjalment fit-trabi (ngħidu aħna test tal-pipi). It-tabib ikun jista’ jiddistingwi r-roseola mill-ħosba u r-rubella, u jeskludi infezzjonijiet oħra.
Il-kura
M’hemmx użu għall-antibijotiċi peress li dawn ma jaħdmux fuq il-virus.
Uża paracetamol jew ibuprofen jekk it-tarbija tkun imdejjqa bid-deni għoli. Attent li tagħti d-doża korretta skont l-età jew l-piż.
Offri lit-tfal x’jixorbu biex ma jixxottawhx.
Sakemm ikunu morda żomm it-tfal id-dar u tibgħathomx in-nursery jew kindergarten, peress li jkollhom bżonn aktar mistrieħ u attenzjoni, u biex ma jxerrdux il-marda.
Ara wkoll:
Id-deni fit-tfal
L-aċċessjoni tad-deni