Tfal morda bil-Covid
Jekk l-omm għandha l-Covid, tista' tkompli tredda' lit-tarbija. Aħsel idejk sewwa u ilbes maskra waqt li qed tredda' jew tiġbed il-ħalib.
Ikkonsulta mat-tabib jekk it-tfal ma jifilħux jew għandhom id-deni. It-tabib jeżamina t-tfal u jagħtik parir jekk ikunx hemm bżonn it-test għall-Covid, id-dijanjosi u l-kura meħtieġa.
Tfal li huma pożittivi għall-Covid ġeneralment ma jkunux morda ħafna: jaf li lanqas biss ikollhom sintomi ta' xejn, u jista' jkollhom sintomi jixbħu riħ jew influwenza. Is-sintomi jinkludu deni, sogħla (tista' tkun ħarxa u persistenti), griżmejn, uġigħ, għejja u oħrajn. It-tfal jirkupraw fi ftit ġranet; mhux komuni li jibqgħu bis-sintomi għal tul ta' żmien.
Il-kura tal-COVID-19 tinkludi paracetamol jew ibuprofen għad-deni u uġigħ. It-tabib jista' jiktiblek xi mediċini għas-sogħla. Offrilhom jixorbu ta' spiss sabiex ma jixxottawx u ħallihom jistrieħu u jilgħabu jekk ikollhom aptit.
Jekk t-tfal imorru għall-agħar (deni persistenti, uġigħ ta' ras, raxx, lewn pallidu jew kaħlani fil-ġilda, telqa kbira, biki fit-tul, imġieba mhux tas-soltu, nifs mgħaġġel u tqil, eċċ) ikkonsulta mat-tabib jew ċempel l-isptar.
Jekk it-tarbija ma tixrobx biżżejjed, tnaqqas mill-pipi, ikollha nifs mgħaġġel, tippersisti bid-deni jew tidher mħeddla jew irritabbli, kellem lit-tabib jew mur l-isptar.
Trabi taħt 3 xhur bid-deni għandhom jittieħdu mill-ewwel l-isptar.