Epatite Ġdida fit-Tfal

F'dan l-aħħar xhur fir-Renju Unit kienet innotata żieda ta’ każijiet ta’ epatite (hepatitis) fit-tfal, l-aktar fi tfal taħt il-ħames snin.
L-epatite hi infjammazzjoni tal-fwied u tista’ tkun ikkawżata mill-virusus tal-epatite A, B, C, D u E. Imma l-każijiet ġodda fir-Renju Unit, u issa f’xi pajjiżi oħra wkoll, ma kinux ikkawżati minn dawn il-virusus. Jidher li virus ieħor, adenovirus, huwa l-kawża tal-epatite ġdida.
L-adenovirus hu virus komuni ħafna fit-tfal u jikkawża mard respiratorju (bħal sogħla) u gastroenterite (dardir u dijarea). Tip tal-adenovirus, F41, instab fi tlett kwarti tal-każijiet tal-epatite il-ġdida, u għaldaqstant ir-riċerkaturi jissuspettaw li dan il-virus huwa l-kawża. M’hemm ebda rabta mat-tilqima tal-Covid għax it-tfal ma kinux imlaqqmin għall-Covid.
Sal-21 ta' April kien hemm 169 każ identifikat; 17 minnhom kellhom bżonn trapjant tal-fwied, u kien hemm wieħed li miet. Sa issa ma kien hemm ebda każ irraportat f’Malta.
Sintomi
Is-sintomi tal-epatite jinkludu suffejra (sfurija fil-ġilda u fl-għajnejn), pipì skura, kokò ta’ lewn ċar, ħakk fil-ġilda, għejja, uġigħ ta’ żaqq u deni.
Prevenzjoni
It-tfal li jfiequ minn gastroenterite għandhom jibqgħu d-dar għal 48 siegħa mingħajr sintomi qabel jirritornaw l-iskola. L-iġene (ħasil tal-idejn u sanitizer) għadhom importanti biex inaqqsu t-tixrid tal-adenovirus u infezzjonijiet oħra.
M'hawnx tilqima għal din l-epatite ġdida. (F'Malta t-tfal kollha jirċievu t-tilqima kontra l-epatite B - parti mill-5-in-1 jew 6-in-1. Xi wħud jagħtu wkoll it-tilqima kontra l-epatite A.)
Tajjeb niftakru li din il-forma ġdida ta’ epatite hi rari ħafna. Anke jekk it-tfal jieħdu l-adenovirus, ir-riskju li taqbadhom l-epatite huwa żgħir ħafna.
Aktar tagħrif: