Tilqim waqt it-tqala biex jipproteġi lit-tarbija


Hemm xi tilqim li l-mara tista' tieħu waqt it-tqala biex tipproteġi lilha nnifisha kif ukoll lit-tarbija matul l-ewwel xhur ta’ ħajjitha. L-antibodies li tifforma l-omm wara t-tilqima jgħaddu mill-placenta għat-tarbija u jagħtuha protezzjoni temporanja wara t-twelid.

Hemm tliet vaċċini li tajjeb tiddiskuti mal-obstetrician tiegħek waqt it-tqala.

1. Is-sogħla konvulsiva (Whooping cough/Pertussis)

Is-sogħla konvulsiva hija infezzjoni li tittieħed faċilment u tikkawża attakki qawwija ta’ sogħla. Fit-trabi żgħar tista’ tkun ferm aktar serja peress li tista’ tikkawża waqfiet fin-nifs (apnoea) u pulmonite. Sikwit ikun meħtieġ kura fl-isptar u, f’każijiet rari, il-mewt.

Il-vaċċin huwa rakkomandat għal kull tqala, anke jekk l-omm tkun ħaditu qabel.

L-aħjar żmien biex jingħata huwa bejn is-27 u s-36 ġimgħa tat-tqala, preferibbilment lejn il-bidu ta’ dan il-perjodu.

L-għan ewlieni mhuwiex biss li nipproteġu lill-omm, iżda speċjalment lit-tarbija tat-twelid. L-antibodies tal-omm jgħaddu mill-plaċenta u jipproteġu lit-tarbija matul l-ewwel xhur, meta tkun l-aktar vulnerabbli.

It-tilqima tal-omm kontra l-pertussis tnaqqas b’mod sinifikanti r-riskju tas-sogħla konvulsiva fit-trabi żgħar.

Wara t-twelid, it-tarbija xorta għandha tirċievi l-vaċċini tagħha kontra l-pertussis skont il-programm nazzjonali tat-tilqim (Hexyon, li tingħata ta' 2, 3 u 4 xhur).

2. RSV

L-RSV (Respiratory Syncytial Virus) huwa virus respiratorju komuni ħafna. F’adulti u tfal akbar ħafna drabi jikkawża sintomi bħal riħ, iżda fi trabi żgħar jista’ jikkawża bronkjolite jew pulmonite, diffikultà biex jieħdu n-nifs u kultant ikun hemm bżonn ta’ kura fl-isptar. It-trabi fl-ewwel xhur tal-ħajja huma l-aktar vulnerabbli.

Abrysvo huwa l-vaċċin kontra l-RSV approvat fl-Unjoni Ewropea għall-użu waqt it-tqala.

Jingħata bħala injezzjoni waħda fil-muskolu bejn l-24 u s-36 ġimgħa tat-tqala.

Hawnhekk ukoll, l-għan ewlieni huwa l-protezzjoni tat-tarbija. L-omm tifforma antibodies kontra l-RSV, dawn jgħaddu mill-placenta, u jgħinu biex jipproteġu lit-tarbija kontra mard serju tal-pulmun ikkawżat mill-RSV mit-twelid sa madwar sitt xhur.

Din il-protezzjoni hija partikolarment importanti għaliex huma proprju t-trabi żgħar li għandhom l-akbar riskju li jimirdu serjament bl-RSV.

3. L-influwenza  

L-influwenza mhijiex sempliċement riħ qawwi. Hija infezzjoni virali li tista’ tikkawża deni għoli, uġigħ fil-muskoli, sogħla u għeja kbira. Waqt it-tqala, l-influwenza tista’ tkun aktar severa u l-omm għandha riskju akbar li jkollha bżonn kura fl-isptar.

Il-vaċċin tal-influwenza huwa rakkomandat waqt it-tqala u jista’ jingħata f'kull fażi tat-tqala.

It-tilqima tipproteġi lill-omm, iżda għandha wkoll benefiċċju importanti għat-tarbija. L-antibodies jgħaddu mill-placenta u jipproteġu lit-tarbija matul l-ewwel xhur ta’ ħajjitha, meta tkun għadha żgħira wisq biex tingħata l-vaċċin tal-influwenza hi stess.

Side effects 

Il-vaċċini kontra s-sogħla konvulsiva, l-RSV u l-influwenza ma fihomx il-mikrobu ħaj.  Dawn il-vaċċini għandhom profil tajjeb ta’ sigurtà meta jingħataw kif rakkomandat.

It-tilqim waqt it-tqala jagħtina opportunità speċjali: nistgħu nibdew nipproteġu lit-tarbija saħansitra qabel ma titwieled, u b’hekk nagħtuha protezzjoni matul dawk l-ewwel xhur meta tkun l-aktar vulnerabbli għal ċerti infezzjonijiet.

Kull tqala u kull omm huma differenti. Għalhekk, iddiskuti dawn it-tliet vaċċini — is-sogħla konvulsiva, l-RSV u l-influwenza — mal-obstetrician tiegħek. Flimkien tistgħu tiddeċiedu liema vaċċini huma adattati għalik u l-aħjar żmien biex jingħataw.