Kemm issaħħan it-tarbija


Sfortunatament ħafna ġenituri Maltin isaħħnu lit-tarbija wisq aktar milli hemm bżonn, b’saffi fuq saffi ta’ ħwejjeġ, kutri, skufja u mittins. Il-povra tarbija tkun tagħli bis-sħana u mxarrba bil-għaraq. Saħansitra l-kamra li jraqqduha fija jżommuha magħluqa li "ma tmurx tieħu xi riħ." Tħossok se tifga f’dak l-għeluq! Anki jekk joħorġuha barra fil-pram, jżidu saff ieħor ta’ ħwejjeġ u jagħlqu l-pram bil-plastik biex żgur tiġi f’serra ta’ sħana u soffokazzjoni.

Meta tkun għadha kemm twieldet huwa importanti li nixxuttaw it-tarbija, nlibbsuha sew, nlibbsuha skufja f’rasha, u tingħata f’dirgħajn l-omm biex ma tiksaħx. Imma minn hemm 'il quddiem irridu noqgħodu attenti li t-tarbija ma tisħonx iżżejjed ukoll.

Mhux minnu li t-tarbija għandha tissaħħan "minħabba l-gass." Din hi ħrafa. Jekk it-tarbija qed tbati mill-colic, m'għandhiex bżonn id-dwejjaq ta' sħana żejda! (Xi trabi bil-colic jikkalmaw jekk tfisqihom sewwa, imma l-iskop mhux li jissaħħnu).

Meta tissaħħan wisq it-tarbija tħossha skomda u jista’ joħroġilha raxx fil-ġilda (heat rash). Mhux l-ewwel darba jiġu ġenituri fil-klinika lebsin ħafif waqt li t-tarbija tkun liebsa tlett saffi fuq xulxin. Meta aħna l-kbar nibdew inħossuna skomdi mill-ewwel inneħħu l-ħwejjeġ żejda minn fuqna; it-tarbija tiddependi għal kollox fuqna biex inżidu jew innaqqsu l-ilbies skont il-bżonn.

Meta it-tarbija tkun mlibbsa wisq it-truf tal-idejn u s-saqajn jinħassu sħan daqs il-bqija tal-ġisem (suppost ikunu ftit friski). Barra minn hekk it-tarbija tibda tegħreq f’attentat biex tnaqqas it-temperatura tal-ġisem. Dan iwassal għal telf ta’ ilma u melħ mill-ġisem.

Aktar minn kollox, is-sħana żejda żżid ir-riskju ta’ cot death, il-mewt għall-għarrieda tat-tarbija fl-irqad. Għalhekk huwa assolutament neċċessarju li l-ġenituri jieħdu kull prekawzjoni biex it-tarbija ma tisħonx iżżejjed.

Pariri Prattiċi
  1. It-tarbija għandha titlibbes biżżejjed biex tħossha komda fl-ambjent li tkun fih. Meta mqabblin mal-kbar, it-trabi u t-tfal żgħar għandhom bżonn l-istess ammont ta' ħwejjeġ bħalna. Jekk aħna komdi lebsin saff wieħed, it-tarbija tkun komda b'saff wieħed ukoll. (Fl-ewwel ftit ġimgħat it-tarbija jista' jkollha bżonn saff aktar ta' ħwejjeġ mill-adulti).
  2. Il-kamra għandha tinżamm f’temperatura komda. Jekk ikun hemm bżonn uża air-conditioner jew fan, imma l-flow tal-arja m'għandhiex tkun dirett fuq it-tarbija.
  3. Ara li jkun hemm ventilazzjoni tajba fil-kamra biex tinbidel l-arja, eż. xi tieqa miftħu jew imbexxqa.
  4. Il-ġenituri għandhom jiċċekkjaw jekk it-tarbija hix sħuna żżejjed billi jaraw li r-ras mhix imxarrba bl-għaraq, u li t-truf tal-idejn ikunu ftit friski. L-għaraq u t-truf tal-idejn sħan iffissru li t-tarbija hi msaħħna wisq.
  5. Jekk taħseb li t-tarbija għandha d-deni, iċċekkja it-temperatura taħt abtha (fl-armpit) b'termometru diġitali. Id-deni huwa temperatura ta' 37.5 C jew 99.5 F jew aktar. Ħu t-tarbija bid-deni l-isptar fl-ewwel tlett xhur tal-ħajja, u għand it-tabib jekk tkun akbar minn 3 xhur, anke jekk ma tkunx tidher marida.
  6. It-tarbija m’għandhiex tkun mgeżżwra b’ħafna kutri u gvieret. Il-wiċċ u r-ras għandhom dejjem jinżammu mikxufin. Il-mittins għandhom jintużaw biss fl-ewwel ġimgħa jew tnejn wara t-twelid.
  7. M’għandhom jintużaw kutri ħoxnin u quilts fl-ewwel sena. L-aħjar tlibbes ħwejjeġ apposta għall-irqad u tgħatti lit-tarbija bi gverta ħafifa li tasal sa nofs is-sider.