It-tieni sena tal-ħajja
Mal-quċċija t-tarbija issir toddler! Din hi ġabra fil-qosor ta' informazzjoni fuq diversi aspetti tas-saħħa u l-iżvilupp tat-tfal fit-tieni sena tal-ħajja.
Tilqim
Minn 12-il xahar jitkompla it-tilqim mogħti mill-gvern u tal-ġidri r-riħ (chickenpox). Aktar
Ħalib
Ma’ għeluq is-sena aqleb għall-ħalib tal-Benna, full-fat jew semi-skimmed. Jekk it-tifel jew it-tifla ma jieklux dieta bilanċjata (li tinkludi laħam u bajd) tajjeb li tagħti flixkun wieħed ħalib tal-formula (li fih aktar ħadid u vitamini), ngħidu aħna qabel l-irqad. Aktar
Ibda aħseb biex taqta’ l-flikxun u minfloku uża beaker jew tazza tal-plastik għall-ħalib. Aktar
Ikel
Iż-żmien tal-ikel mitħun spiċċa. L-ikel irid ikun artab, mqatta’ biċċiet żgħar, mgħaffeġ b’furketta jew finger foods.
It-tfal għandhom jitħallew imissu l-ikel b’idejhom u jitimgħu lilhom infushom. Tisforzax lit-tfal jieklu bil-fors jew billi taljenahom bit-televixin jew xi ħaġa oħra. Offri varjetà sħiħa ta’ ikel differenti, kemm jista’ jkun mill-ikel tal-familja, f’porzjonijiet u ammonti żgħar. It-toddler irid ikun fil-highchair mal-mejda fil-ħin tal-ikel tal-familja biex josserva u jitgħallem. Aktar
Sigurtà
Bejn crawling u l-ewwel passi, it-toddlers jridu jesploraw id-dinja ċkejkna tagħhom – u hawnhekk jiżdied il-periklu. Ara li d-dar hi siġura kemm jista’ jkun (xtabi, sockets tal-elettriku magħluqin, tħallix oġġetti żgħar fl-art għax jixirqu fihom, jew ħwejjeġ li jistgħu jinkissru). Fil-karozza, tista’ tuża forward-facing car seat marbut fuq is-seat ta’ wara. Aktar
Imġieba
L-imġieba tinbidel. It-toddlers jibdew juru l-volontà li jagħmlu l-għażliet tagħhom, jitgħallmu jgħidu ‘Le!’ u jipprotestaw jekk ma jieħdux li jridu. Dan hu sinjal li qed jikbru.
Jibdew l-ewwel temper tantrums. Ipprova evitahom. Qatt mhu kmieni wisq li tibda ftit dixxiplina. It-tfal żgħar iridu jitgħallmu li mhux dejjem jieħdu li jridu. Timpressjonax ruħek bix-xenati tagħhom. L-aħjar tinjorahom. Jekk tagħtihom aktar attenzzjoni, jkomplu jagħmlu l-istess kull meta jkunu jridu xi ħaġa. Urihom imħabba u affezzjoni għall-imġieba tajba. Aktar
TV u Logħob
Illimita l-ħin quddiem it-TV għal anqas minn siegħa kuljum. Huwa ħafna aħjar għat-tfal li joqgħodu jilgħabu b’xi toys weħidhom milli bilqiegħda skantati quddiem l-iscreen. Huwa importanti wkoll li l-ġenituri jpoġġu ħdejhom jilgħabu, juruhom xi stampi, jaqrawlhom xi ktieb, u jkellmuhom - dan jgħinhom jiżviluppaw il-lingwa u imġieba soċjali tajba. Ħu t-tfal il-playing field u oħroġhom jilgħabu barra. Aktar
Żvilupp
Bejn sena u sentejn, it-tfal jitilqu jimxu, jibdew jgħidu l-ewwel kliem, iħarsu lejn min ikellimhom, jibdew ixejjru, jippontaw b’subgħajhom, jidħku, idawwru paġna ta’ ktieb, u jpinġu bi crayon, jagħrfu stampa, jikkopjaw l-imġieba tal-ġenituri u jilgħabu weħidhom b’xi toy. Naturalment it-tfal ma jiżviluppawx kollha bl-istess rata. Tkellem mat-tabib tat-tfal jekk għandek xi mistoqsijiet fuq hekk.
Nursery
Huwa ta’ ġid għat-toddlers li jiltaqgħu ma’ tfal oħra n-nursery, imqar għal ftit sigħat darbtejn jew tlieta fil-ġimgħa. Dan jgħinhom fl-iżvilupp soċjali u fil-lingwa. Naturalment meta l-omm tħallihom in-nursery jistgħu jibku xi ftit, imma biż-żmien malajr jidraw u jibdew jieħdu ġost. Meta jmorru n-nursery it-tfal jimirdu aktar bl-irjieħat, imma b’hekk ikun jrabbu immunity kontra l-mard li jservihom fis-snin ta’ wara.
L-Irqad
It-toddler jibda jorqod fil-kamra tas-sodda tiegħu u mhux aktar fil-kamra tal-ġenituri. Huwa importanti li jiddaħħlu jorqdu kmieni (għall-ħabta tat-tmienja) u li jkun hemm rutina tal-irqad (flixkun ħalib, ħasil tas-snien, banju sħun, daħħlu fis-sodda, teddy-bear, storja, itfi d-dawl u wara ftit oħroġ mill-kamra – jew xi ħaġa simili). Jekk iqum bil-lejl, stenna ftit biex tagħtih ċans jerġa' jorqod. Jekk ikun meħtieġ mur ħdejh għal ftit mumenti, kemm tgħidlu biex jerġa' jorqod. Terfgħux u ġġibux fil-kamra tal-ġenituri. Taħtix aktar ħalib matul il-lejl. Aktar